Diportazzjoni tat-Tfal

8 ta’ April 2021

L-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal juri dispjaċir u tħassib dwar dak li ġie rrappurtat illum fil-ġurnali lokali, it-Times of Malta,  li “Familji ġejjin minn pajjiżi terzi u li qegħdin fil-proċess ta’ l-appell mid-deċiżjoni ta’ Idendity Malta li uliedhom jiġu deportati, qegħdin jirċievu ittra minn Identity Malta, titlobhom iħallu l-pajjiż minnufih”.

Ftit xhur ilu, l-Uffiċċju kien ikkundanna l-aġir tal-awtoritajiet tal-immigrazzjoni li ordnaw id-diportazzjoni ta’ dawn it-tfal. L-Uffiċċju argumenta li dan iwassal għat-tkissir tal-familja u jmur kontra d-dritt tat-tfal li jgħixu flimkien mal-ġenituri tagħhom kif insibu f’artiklu 5 tal-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda tad-Drittijiet tat-Tfal. Ifakkar li Malta intrabtet li żżomm mal-prinċipji tal-konvenzjoni u taħdem biex tgħaqqad il-familji li ġew mifruda minħabba dan il-fenominu tal-immigrazzjoni.

Din l-atitudni insensittiva issa laħqet il-qofol tagħha bl-awtoritajiet tal-immigrazzjoni bħal donnhom qed japprofittaw irwieħhom mis-sitwazzjoni ta’ saħħa pubblika li laqtet lil pajjiżna bħal kumplament tad-dinja. Din id-deċiżjoni ta’ Identity Malta qed tpoġġi lil dawn it-tfal u l-familji tagħhom f’sitwazzjoni impossibbli fejn minħabba li ma jistgħux jobdu l-ordni ta’ diportazzjoni għax it-titjiriet lejn u għal barra minn Malta twaqqfu, qegħda fl-istess waqt tikkriminalizzahom.