Ftehim ta’ Koperazzjoni

9 ta’ Frar 2023

Illum, l-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal iffirma Ftehim ta’ Koperazzjoni mad-Divizjoni tal-Gvern Lokali. Dan il-ftehim ġie ffirmat mis-Sinj. Antoinette Vassallo, Kummissarju għat-Tfal u s-Sinj. Joyce Dimech, Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, Arti u l-Gvern Lokali. Dan il-ftehim ġie ffirmat fil-presenza tal-Onorevoli Ministru tal-Familja, l-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Dr. Michael Falzon u l-Onorevoli Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, is-Sinj. Alison Zerafa Civelli.

L-għan ta’ dan il-ftehim huwa sabiex l-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal ikun jista’ jsaħħaħ il-kollaborazzjoni tiegħu mad-Divizjoni tal-Gvern Lokali – Strateġija  u Implimentazzjoni tal-Politika mmexxija mis-Sinjura Marisa Pisani. Dan il-ftehim jassigura lit-tfal u l-familji tagħhom ikunu iktar attivi u nvoluti fil-kommunita’ tagħhom u jagħmel il-lokalitajiet aktar adattati għat-tfal. Permezz ta’ din il-kollaborazzjoni d-drittijiet tat-tfal ħa jingħataw prijorita’.

Matul din l-attivita’, is-Sinj. Vassallo enfasiżżat l-importanza tar-rwol tal-Kunsilli Lokali fl-implimentazzjoni tad-drittijiet tat-tfal kif ukoll il-benefiċċji tal-parteċipazzjoni tat-tfal fil-lokalita’. Is-Sinj. Vassallo qalet li “t-tfal huma ta’ kontribut kbir fil-lokalitajiet li jgħixu fihom. L-enerġija, il-ħiliet, l-aspirazzjonijiet, il-krejattivita’ u l-passjoni tagħhom jwasslu għall-għarfien profond li jħalli mpatt pożittiv fuq il-kommunita’ kollha.”