Is-Sitwazzjoni fl-Ukrajna

2 ta’ Marzu 2022

L-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal f’ Malta jifforma parti mill-European Network of Ombudspersons for Children (ENOC). ENOC jesprimi l-ikbar tħassib tiegħu dwar is-sigurtà u l-benesseri tat-tfal maqbuda fil-gwerra qerrieda ġewwa l-Ukrajna u jtenni s-sapport u s-solidarjetà tal-Kummmissarju Parlamentari għad-Drittijiet Umani Ukren fir-rwol tiegħu li jħares u jippromwovi d-drittijiet umani tat-tfal u ż-żgħażagħ.

Matul l-aħħar 8 snin, il-Kummmissarju Parlamentari għad-Drittijiet Umani tal-Ukrajna dejjem fakkar li l-kunflitt armat fl-Ukrajna tal-Lvant ikompli jkollu impatt fuq id-drittijiet tat-tfal. Il-kunflitt armat kurrenti li qed jolqot t-territorju kollu tal-Ukrajna se jiggrava l-qagħda diġà fraġli tat-tfal. Dan il-ħsieb tlissen ukoll fl-istqarrija reċenti tad-Direttur Eżekuttiv tal-UNICEF[1], Catherine M. Russell:

“L-aħħar tmien snin ta’ kunflitt għamlu ħsara profonda u dejjiema lit-tfal fuq iż-żewġ naħat tal-linja ta’ kuntatt. It-tfal tal-Ukrajna jeħtieġu b’ mod iddisprat l-paċi, issa.”

Il-Kummmissarju Parlamentari għad-Drittijiet Umani Ukren ġibed l-attenzjoni għall-fatt li mill-2014 ‘l hawn madwar 200,000 tifel u tifla kellhom jitilqu minn darhom u li dan in-numru se jiżdied b’ mod sinifikanti fil-jiem u x-xhur li ġejjin. Il-Kummissarju ndirizzat rakkomandazzjonijiet konkreti biex ikun żgurat li dawn it-tfal jaċċessaw u jgawdu d-drittijiet tagħhom skond il-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drittijiet tat-Tfal (UNCRC) [2].

Il-kunflitti armati jiksru d-drittijiet kollha tat-tfal; id-dritt għall-ħajja, id-dritt li jgħixu f’ familja magħquda, id-dritt għas-saħħa u l-edukazzjoni, id-dritt għall-protezzjoni kontra kull forma ta’ vjolenza u sfruttament, inkluż l-abbuż sesswali u d-dritt għall-assistenza umanitarja.

ENOC itenni li l-Kummissarju Parlamentari għad-Drittijiet Umani għandu jkun f’ pożizzjoni ii jkompli jimmonitorja s-sitwazzjoni u jirraporta u jinvestiga kwalunkwe ksur tad-drittijiet fundamentali tat-tfal matul il-kunflitt armat, u li jiġbor u jxandar informazzjoni rilevanti dwar il-vjolazzjonijiet kontra t-tfal f’ sitwazzjoni ta’ kunflitt armat.

Issa huwa l-waqt biex l-istituzzjonijiet u l-gvernijiet Ewropej kollha flimkien juru d-dedikazzjoni u l-impenn tagħhom lejn il-UNCRC kif ukoll l-empatija u r-rieda li jħarsu t-tfal minn din is-sitwazzjoni ddisprata.

Bħala Netwerk, nibqgħu ffukati li noffru l-assistenza u l-għerf tagħna b’ kull mod possibbli.

[1] https://www.unicef.org/press-releases/statement-unicef-executive-director-catherine-m-russell-children-ukraine

[2] Huma saħqu dwar l-imwiet u l-midruba, u l-importanza tad-Dikjarazzjoni dwar Skejjel Siguri, impenn intergovernattiv biex studenti, għalliema u istituzzjonijiet edukattivi jkunu mħarsa waqt kunflitt armat, u l-Linji Gwida għall-Protezzjoni tal-Iskejjel u l-Universitajiet mill-Użu Militari waqt Kunflitt Armat.