Jum Dinji għall-Internet Aktar Sigur

2 ta’ Frar 2023

Is-7 ta’ Frar jimmarka il-Jum Dinji għall-Internet aktar Sigur – jum iċċelebrat ġo l’fuq minn 150 pajjiż. Bħal fis-snin li għaddew, it-tema għal din il-ġurnata importanti hija Flimkien għall-Internet Aħjar. Hija għajta għall-partijiet ikkonċernati, sabiex jingħaqdu u jieħdu azzjoni sabiex ikun hemm internet aħjar għal kulħadd partikolarment għat-tfal u ż-żgħażagħ. Irridu nkomplu naħdmu sabiex nassiguraw lit-tfal jużaw l-internet b’mod aktar responsabbli, b’rispett, b’mod kritiku u krejattiv.

L-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal huwa kommess li jikkreja internet aħjar għat-tfal u għalhekk jifforma parti mill-kampanja BeSmartOnline! flimkien mal-FSWS (Il-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali), id-Direttorat tal-Programmi tat-Tagħlim u Assesjar fi ħdan il-Ministeru tal-Edukazzjoni u t-taqsima tas-Cyber Crime fi ħdan il-Korp tal-Pulizija. Din l-inizjattiva għandha l-għan li tipproteġi lit-tfal onlajn permezz ta’ kampanji edukattivi, għajnuna u support.

Sabiex jiġi kkomemorat dan il-jum importanti qegħdin jittieħdu numru ta’ inizjattivi. Numru ta’ skejjel ikkommettew ruħhom li jorganizzaw għadd ta’ attivitajiet bl-għajnuna tat-tim ta’ BeSmartOnline!. Skejjel u organizzazjonijiet oħra għandhom aċċess għal toolkit li tikkonsisti fi pjanijiet għall-lezzjonijiet u riżorsi oħra, żviluppati mit-tim ta’ BeSmartOnline! u li jkopru numru ta’ temi rigward is-sigurta’ onlajn għal tfal ta’ etajiet differenti. Din it-toolkit tista’ titniżżel mil-link li ġej http://besmartonline.org.mt/sid-toolkit

Barra min hekk, ħa jitqassmu 3 riżorsi differenti fl-iskejjel kollha, li jinkludu: Kiko u l-Ħafnajien, li hija pubblikazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa tradotta għall-Malti mill-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal u li ser titqassam lill-klassijiet tat-3 sena; fuljett li jippromwovi l-użu bilanċjat tat-teknoloġija li ser jitqassam lit-tfal kollha tas-6 sena; kif ukoll riżorsi għall-għalliema tal-PSCD sabiex jitqajjem għarfien dwar ir-riskji tas-sexting lit-tfal tad-9 sena.

Bħala parti mill-isforz sabiex titqajjem kuxjenza dwar l-użu sigur tal-internet, it-tim ta’ BeSmartOnline! ħa jħejji stand ta’ informazzjoni fi Pjazza Tritoni nhar l-4 ta’ Frar bejn id-9:00am u n-13:00pm. Ser jiġu organizzati anke attivitajiet għat-tfal. Il-ġenituri/dawk li jieħdu ħsieb it-tfal u t-tfal stess huma nkoraġġuti biex iżuru l-istand sabiex jirċievu informazzjoni dwar l-użu għaqli tat-teknoloġija.

Għal aktar informazzjoni u gwida rigward is-sigurta’ onlajn għat-tfal tistgħu żżuru www.besmartonline.org.mt jew ċemplu s-support line 179. Abbuż li jseħħ onlajn għandu jiġi rrapurtat permezz tal-website www.childwebalert.gov.mt