Jum Dinji tat-Tfal 2025
20 ta’ Novembru 2025
Fl-20 ta’ Novembru jitfakkar il-Jum Dinji tat-Tfal, okkażżjoni globali li tikkommemora l-adozzjoni tal-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drittijiet tat-Tfal. Dan il-jum iservi ta’ sejħa għall-azzjoni biex gvernijiet, organizzazzjonijiet u individwi jaħdmu flimkien sabiex joħolqu dinja fejn kull tifel u tifla j/tgawdi d-drittijiet tiegħu/tagħha b’ mod sħiħ u indaqs. It-tema għall-2025, ‘Id-Dinja Tiegħi, id-Drittijiet Tiegħi’, tisħaq fuq l-importanza li nagħtu lit-tfal is-setgħa li jifhmu u jaċċessaw id-drittijiet tagħhom stess, u b’hekk niżguraw li l-vuċijiet tagħhom isawrulhom ħajjithom.
Matul din is-sena, l-Uffiċċju ħa diversi inizzjattivi sinifikanti biex ikompli jsaħħaħ id-drittijiet u l-parteċipazzjoni tat-tfal f’ Malta. Fl-okkażżjoni tal-Jum Dinji tat-Tfal, l-Uffiċċju ħa numru ta’ inizzjattivi biex ifakkar dan il-jum, li jinkludu: l-qlib għall-Malti u t-tqassim ta’ logħba bil-karti dwar id-drittijiet tat-tfal, li tfasslet minn UNICEF biex tgħin it-tfal jitgħallmu dwar il-Konvenzjoni b’mod parteċipi u xieraq għall-età tagħhom. L-Uffiċċju ppubblika rapport dettaljat bl-isem Not Just Words, li jagħti rendikont tax-xogħol ta’ parteċipazzjoni tat-tfal li sar mill-Uffiċċju matul is-sena skolastika 2024/2025 u li jagħti prominenza lill-impatt tal-vuċijiet tat-tfal fuq il-politika u l-prattika.
B’kollaborazzjoni mal-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal u l-Positive Parenting Malta, l-Uffiċċju tella’ konferenza nazzjonali msejħa Safeguarding Childhood: AI and Children’s Rights. Dan l-avveniment indirizza l-impatt tat-teknoloġija u l-intelliġenza artifiċjali fuq ħajjiet-it tfal u esplora strateġiji biex niżguraw li l-innovazzjoni tirrispetta u tħares id-drittijiet tat-fal. It-tieni fażi tal-istudju ta’ riċerka dwar l-Impatt tat-teknoloġija fuq id-drittijiet tat-tfal tnediet u pprovdiet ideat minn ‘l fuq minn 1,800 tifel u tifla bejn l-etajiet ta’ 7 u 15-il sena bil-għan li tixħet dawl fuq x’ jeħtieġu t-tfal biex ikunu siguri onlajn.
Minbarra dan, fit-12 ta’ Novembru, l-Uffiċċju nieda toolkit li jippromwovi ġustizzja aċċessibbli għat-tfal, dan it-toolkit se jitqassam fl-iskejjel medji u sekondarji kollha f’ Malta biex jippromwovi sistemi ta’ ġustizzja li huma aċċessibbli u sensittivi għall-bżonnijiet tat-tfal. Il-Jum Dinji tat-Tfal jara wkoll l-involviment attiv tal-iskejjel, b’iktar minn ħamsin skola li ħadu sehem f’ attivitatjiet imnebbħa mit-tema għal din is-sena.
Dan il-jum huwa mhux biss ċelebrazzjoni iżda wkoll riaffermazzjoni tar-responsabbiltà kollettiva tagħna li nisimgħu lit-tfal, nirrispettaw id-dritt tagħhom għall-espressjoni tagħhom infushom, u ninkorporaw l-ideat tagħhom fid-deċiżjonijiet li jsawru d-dinja. B’hekk inkunu qed nagħmlu ġieħ lill-ispirtu tal-Konvenzjoni u nkunu qed naħdmu biex ikollna soċjetà fejn id-drittijiet ta’ kull tifel u tifla huma rikonoxxuti u rispettati.