Jum Dinji għall-Prevenzjoni u l-Fejqan mill-Isfruttament, l-Abbuż u l-Vjolenza Sesswali fuq it-Tfal

18 ta’ Novembru 2024

It-18 ta’ Novembru huwa jum assoċjat mal-protezzjoni tat-tfal minn kull tip ta’ abbuż sesswali u sfruttament sesswali. Dan il-Jum Ewropew, li hu kkordinat mill-Kunsill tal-Ewropa, qed jiffoka fuq Teknoloġiji Ġodda: theddidiet u opportunitajiet għall-protezzjoni tat-tfal mill-isfruttament sesswali u l-abbuż sesswali.

Sabiex jitfakkar dan il-jum importanti, l-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal, b’ kollaborazzjoni mal-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, nieda l-ewwel fażi tal-istudju Tfal u l-impatt tat-teknoloġija fuq il-benesseri tagħhom.

 

Dan l-istudju, li qed jitmexxa mill-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà, għandu l-għan li jesplora l-medda tal-impatt li t-teknoloġija tista’ tħallli fuq il-benesseri mentali, emozzjonali u psikoloġiku tat-tfal.

 

Waqt it-tnedija għall-Istampa, il-Kummissarju għat-Tfal, Sa Antoinette Vassallo, tkellmet dwar l-opportunitajiet li t-teknoloġija toffri, anki fl-isforzi ta’ prevenzjoni u protezzjoni kontra l-abbuż sesswali fuq it-tfal. Madankollu, hija esprimiet tħassib dwar ir-riskju tal-użu ħażin ta’ dawn it-teknoloġiji ġodda, li jistgħu jħallu impatt qawwi fuq il-ħajja tat-tfal.

 

Dtta Roberta Attard, Viċi Dekan, Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà, ippreżentat is-sejbiet tal-ewwel fażi tal-istudju. Hija rrapportat li r-riżultati juru li milli jidher, l-impatt tat-teknoloġija fuq il-ħajja tat-tfal fih ħafna faċċati, li joffru sew vantaġġi sew sfidi sinjifikanti. Is-sejbiet jixhdu l-influwenza profonda li l-għodod diġitali għandhom fuq l-iżvilupp fiżiku, konjittiv, emozzjonali u soċjali hekk kif l-istrumenti diġitali jsiru ewlenin fil-ħajja tat-tfal, spiss minn età bikrija ħafna.

 

Parteċipanti esperti saħqu kif, meta tintuża b’ mod xieraq, it-teknoloġija tista’ ittejjeb l-esperjenzi ta’ tagħlim, tipprovdi għodod vitali ta’ komunikazzjoni, u ssostni l-iżvilupp konjittiv permezz ta’ applikazzjonijiet interattivi u edukattivi. Madankollu, it-tħassib rigward ħin eċċessiv quddiem l-iskrin, qtugħ minn nies oħra, riskji għas-saħħa mentali, u tħarbit tal-irqad iġibu fuq quddiem il-bżonn ta’ approċċ ibbilanċjat għall-użu tat-teknoloġija mit-tfal, u għaldaqstant isejjaħ għar-rwol kruċjali tal-ġenituri, l-edukaturi, u ta’ dawk li jfasslu l-politika sabiex jaħdmu lejn użu sigur u produttiv tal-mezzi diġitali.

 

‘‘Dan il-Gvern ser ikompli jagħti d-direzzjoni u jħejji policies msejjsa minn studji bħal dak ippreżentat llum, fi sfond tall-ħtiġijiet u r-realtajiet soċjali tal-ġurnata. It-tfal tal-lum m’humiex biss il-ġenerazzjoni t’għada u pitgħada, iżda huma wkoll il-preżent. Għalhekk, flimkien ejja nkomplu ninvestu f’din il-ġenerazzjoni, u nilqħu bilanċ bejn il-kuntatt fiżiku, emozzjonali u dak diġitali’’, stqarr il-Ministru Michael Falzon.

 

Din ir-riċerka, li se tintemm fl-2025, se ssaħħaħ l-isforzi tal-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal u ta’ stakeholders oħra biex jindirizzaw din it-tema b’ mod iżjed effettiv. L-Uffiċċju jkompli joħloq għarfien u jaqbeż għad-dritttijiet tat-tfal fl-ambjent diġitali.

 

Kull min jaf b’ xi abbuż li qed isir fuq it-tfal għandu jirrapporta. Dan jista’ jsir billi wieħed iċempel is-supportline 179. L-abbuż sesswali onlajn jista’ jiġi rrappurtat permezz tal-hotline www.childwebalert.gov.mt