L-Att dwar l-Edukazzjoni

6 ta’ Settembru 2021

L-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal jilqa’ b’ sodisfazzjoni t-tħabbir li l-Att dwar l-Edukazzjoni emendat se jidħol fis-seħħ ix-xahar li ġej. L-Att emendat huwa pass importanti l-quddiem fl-implimentazzjoni tad-dritt fundamentali tat-tfal għall-edukazzjoni, hekk kif imfisser f’ Artikli 28 u 29 tal-Konvenzjoni talĠnus Magħquda dwar id-Drittijiet tat-Tfal.

Fost il-proviżjonijiet li nsibu fl-Att emendat li jgħinu biex it-tfal jiksbu d-dritt tagħhom għall-edukazzjoni, hemm l-estensjoni tad-dritt tat-tfal kollha li huma fl-età tal-edukazzjoni obbligatorja li jgħixu Malta, irrespettivament mill-istat tagħhom; id-dmir tal-Istat li jiżgura li jkun hemm disponibiltà ta’ ċentri ta’ edukazzjoni u ħarsien bikri tat-tfal, li effettivament tagħmel iċ-ċentri ta’ ħarsien tat-tfal ta’ matul il-jum parti integrali mill-proċess edukattiv tat-tfal; u enfażi iktar b’ saħħtiha fuq l-infurzar tar-reġistrazzjoni u l-attendenza tat-tfal l-iskola.

Minkejja dawn l-iżviluppi pożittivi, l-Uffiċċju jinsab imħasseb li l-Att dwar l-Edukazzjoni emendat mhuwiex imsejjes fuq id-drittijiet tat-tfal u għaldaqstant ma jdurx biżżejjed madwar il-bżonnijiet tagħhom. L-aqwa interessi tat-tfal għandhom ikunu fuq quddiem fl-Att kollu kemm hu. L-Att għandu jorbot lill-istituzzjonijiet edukattivi kollha sew jekk humiex tal-Istat, tal-Knisja jew indipendenti.

Minkejja l-esperjenza tal-pandemija li għadna għaddejjin minnha u li ħarbtet b’ mod gravi ledukazzjoni tat-tfal, l-Att ma jipprovdix qafas legali li jiżgura li t-tfal kollha jibqgħu jgawdu d-dritt għalledukazzjoni. Qafas bħal dan għandu wkoll jipprovdi ċerti garanziji ta’ għoti u kwalità ta’ arranġamenti edukattivi alternattivi li għandhom jitwettqu f’ każ ta’ għeluq sħiħ jew parzjali tal-iskejjel, hekk kif imfisser miż-żgħażagħ infushom.

Il-pandemija għallmitna li t-tagħlim remot huwa possibbli. Għaldaqstant, dan l-Att għandu jagħmilha possibbli għat-tfal li ma jistgħux jattendu l-iskola b’ mod fiżiku li jibqgħu jirċievu edukazzjoni ta’ kwalità għolja fi ħdan il-klassi tagħhom billi l-lezzjonijiet jkunu aċċessibbli onlajn.

L-istudenti m’għandhomx bżonn ta’ iktar edukazzjoni iżda ta’ edukazzjoni aħjar. Jekk din tista’ tintlaħaq, l-Uffiċċju jaqbel li nistgħu nippjanaw li nżidu l-età tal-iskola obbligatorja għax it-tfal bi dritt għandhom jkunu qed jistudjaw u jiżvilluppaw il-ħiliet tagħhom mhux jaħdmu.

L-Uffiċċju minn dejjem kien minn ta’ quddiem li jippromwovi d-dritt tat-tfal li jsemmgħu leħenhom u jkunu mismugħa minn dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet għalihom. F’ dan ir-rigward, huwa tat-tħassib li, kuntrarju għall-abbozzi tal-liġi dwar l-edukazzjoni tal-2018, l-Att dwar l-Edukazzjoni emendat huwa nieqes minn proviżjoni li tobbliga l-awtoritajiet tal-edukazzjoni li jagħmlu assessjar tal-impatt fuq ittfal qabel ma jdaħħlu xi politki jew inizajttivi ġodda fl-edukazzjoni.

L-Uffiċċju jsejjaħ biex dawn u punti oħra ta’ tħassib li huma mfissrin fil-Position Paper dwar l-Att dwar l-Edukazzjoni emendat, li huwa disponibbli hawnhekk, ikunu mitħaddtha fil-Parlament u indirizzati permezz tal-emendi meħtieġa lill-Att dwar l-Edukazzjoni.