L-Edukazzjoni obbligatorja, Dritt tat-Tfal

9 ta’ Settembru 2021

L-Uffiċċju ta-Kummissarju għat-Tfal jixtieq jenfasizza l-importanza li l-attendenza tat-tfal fl-iskejjel tibqa’ obbligatorja kif inhu stipulat bil-liġi sabiex id-dritt tat-tfal għal-edukazzjoni jkun garantit. Li nipproteġu lill-dawk it-tfal li huma meqjusin bħala vulnerabbli fejn jidħol il-COVID-19, huwa importanti u għaldaqstant huma dawn it-tfal biss li għandhom jiġu eżentati milli jattendu l-iskola fiżikament. Kull kas għandu jiġi deċiż għalih wara konsultazzjoni u qbil mal-professjonisti.

L-Uffiċċju jinsab imħasseb dwar x’jista’ jiġri jekk l-attendenza fl-iskejjel ma tibqax obbligatorja. Dawk it-tfal li jgħixu f’sitwazzjonijiet vulnerabbli, partikolarment dawk li diġa ma kienux jattendu l-iskola b’mod regolari qabel il-pandemija, ser ikomplu jaqgħu lura. L-attendenza onlajn kienet diġa baxxa bejn Marzu u Ġunju tas-sena skolastika li għaddiet u wħud mit-tfal ma setgħux jintlaħqu. Għandna nżommu f’moħħna li għal xi tfal, l-iskola huwa l-uniku post sigur u għalhekk għandna nagħmlu minn kollox biex niżguraw li ebda adult responsabbli biex jibgħathom l-iskola, ma jitħalla  jabbuża mis-sistema u jżomm it-tfal id-dar.

Li t-tfal jattendu l-iskola huwa iktar u iktar importanti fid-dawl tar-rapport tal-UNCEF Innocenti Report Card 16 li jismu ‘Worlds of Influence, Understanding What Shapes Child Well-being in Rich Countries li juri biċ-ċar li dawk it-tfal li jħossuhom parti mill-iskola, iktar huma kuntenti bil-ħajja tagħhom. F’dan l-istudju, Malta ġiet minn ta’ l-aħħar fejn jidħol is-sodisfazzjon tat-tfal dwar il-ħajja tagħhom.

F’dawk il-każijiet fejn it-tfal ma jkunux jistgħu jattendu l-iskola fiżikament u ser jattendu onlajn, għandhom jittieħdu l-miżuri kollha sabiex jiġi assigurat li d-drittijiet u l-bżonnijiet tagħhom jkunu mħarsa. L-Uffiċċju japella lill-Ministeru tal-Edukazzjoni sabiex isir dak kollu possibbli fl-aħjar interess tat-tfal.