Prodotti CBD

26 ta’ Frar 2026

Fid-dawl tas-sitwazzjoni tat-tħassib li se jiftaħ ħanut li ibiegħ prodotti CBD marbutin mal-kannabis fil-viċinanzi ta’ skola, l-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal jesprimi tħassib qawwi rigward il-preżenza ta’ stabbilimenti assoċjati mal-prodotti marbutin mal-kannabis li joperaw qrib skejjel u żoni oħra li huma frekwentati ta’ kuljum minn tfal u żgħażagħ. Il-viżibbiltà ta’ dawn il-ħwienet fl-ambjent immedjat tat-tfal iqajjem tħassib serju dwar influwenzi mhux xierqa. 

It-tfal għandhom id-dritt jikbru u jitgħallmu fi spazji li huma siguri, jagħtuhom sapport, u li huma ħielsa minn attivitajiet kummerċjali li jistgħu jimminaw il-benesseri tagħhom. L-Uffiċċju jsejjaħ għal miżuri regolatorji urġenti biex ikun żgurat li stabbilimenti li jbiegħu jew jippromwovu prodotti marbutin mal-kannabis ma jitħallewx joperaw viċin ta’ skejjel jew ġewwa żoni wżati primarjament mit-tfal.

Il-ħarsien tat-tfal irid jibqa’ prijorità. Irridu naħdmu flimkien biex niżguraw li ż-żoni tal-iskejjel jibqgħu ħielsa minn attività kummerċjali li jistgħu jimminaw il-benesseri u l-iżviluppp tagħhom.