Tikketta ta' Kwalità
19 ta’ Frar 2026
Illum, il-Kummissarju għat-Tfal, is-Sa. Antoinette Vassallo, flimkien mal-Ministru għall-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal, l-On. Michael Falzon u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, l-On. Alison Zerafa Civelli, niedu uffiċċjlament it-Tikketta ta’ Kwalità TFULIJA (Towns & Villages For Us: Living, Inclusive, Joyful and Accountable).
L-iskop ta’ din it-Tikketta ta’ Kwalità hu li jinxteħet dawl u jingħata għarfien lix-xogħol li qed isir mill-Kunsilli Lokali u għaqdiet oħra li qed jagħtu priorità lid-dritt tat-tfal li jipparteċipaw fl-ippjanar u t-tgawdija tal-ispazji pubbliċi miftuħa madwar il-Gżejjer Maltin. L-inizjattiva se tagħti prominenza lill-isforzi u l-proġetti li qed jgħinu sabiex l-ibliet u l-irħula f’ Malta u Għawdex isiru iżjed maħsubin għat-tfal. Din l-inizjattiva qed tipprova tħeġġeġ u ssostni l-Kunsilli Lokali biex jibqgħu jsaħħu l-impenn lejn id-drittijiet tat-tfal, filwaqt li jiżguraw li l-interessi tat-tfal huma mogħtija l-importanza li tixirqilhom u li t-tfal jingħataw opportunitajiet bis-sens biex isemmgħu leħenhom.
Din l-inizjattiva nibtet minn rakkomandazzjoni ewlenija mressqa mill-istudju ta’ riċerka Healthy Spaces – Co-creating Child-friendly Towns and Villages, li ġie ppubblikat mill-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal fl-2022. Waqt id-diskors tal-ftuħ tagħha, is-Sa. Vassallo raddet ħajr lill-membri tal-kumitat inter-settorjali għax-xogħol bieżel, id-dedikazzjoni u l- ispeċjalizzazzjoni tagħhom fit-tfassil tal-linji-gwida. Hi esprimiet ukoll l-apprezzament tagħha lill-Kunsilli Lokali u Reġjonali għall-isforzi kontinwi tagħhom biex iqiegħdu d-drittijiet tat-tfal fuq quddiem fix-xogħol tagħhom.
“Illum qed nagħmlu pass konkret lejn komunitajiet li mhux biss jinkludu t-tfal, iżda li huma wkoll imfasslin magħhom u għalihom. Għax meta nibnu bliet u rħula maħsubin għat-tfal, inkunu qed nibnu komunitajiet aħjar għal kulħadd”, hija qalet.
Il-Ministru għall-Politika Soċjali u Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon tkellem dwar kif it-tfal huma l-qalb, il-preżent u l-futur ta’ dan il-pajjiż. Għaldaqstant saħaq li l-Gvern kontinwament isaħħaħ id-drittijiet u l-benesseri tagħhom fil-komunità. ‘‘Din l-inizjattiva hija ħolqa oħra minn katina li tirrifletti l-viżjoni usa’ ta’ ħolqien ta’ ambjenti inklussivi li jissapportjaw il-familji u jagħtu s-setgħa lill-ġenerazzjonijiet iktar żgħażugħa’’, saħaq il-Ministru Michael Falzon.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, qalet li l-Kunsilli Lokali qed jaħdmu fil-qalba tal-komunitajiet tagħna, b’mod partikolari għat-tfal li jirrappreżentaw il-ġenerazzjonijiet futuri. “Din l-inizjattiva hija xhieda ta’ kemm il-Kunsilli Lokali qed ikunu protagonisti fil-ħajja tal-komunitajiet tagħna, filwaqt li jservu ta’ pont ewlieni bejn iċ-ċittadin u diversi entitajiet governattivi. Is-Segretarju Parlamentari kompliet tgħid li din l-inizjattiva tmur paripassu mal-Viżjoni 2050, fejn il-Gvern qed jisħaq li t-tfal ikunu fiċ-ċentru tad-deċiżjonijiet li jittieħdu, kif ukoll fuq il-ħolqien ta’ aktar spazji miftuħa u ħodor għall-familji.
Mill-lum, il-Kunsilli Lokali, bis-sapport tal-Kunsilli Reġjonali, jistgħu japplikaw għat-Tikketta ta’ Kwalità TFULIJA permezz tas-sit elettroniku tal-Uffiċċju, tfal.gov.mt.. It-Tikketta ta’ Kwalitàtevalwa inizjattivi skond tmien kriterji ewlenin marbutin mal-benesseri u l-kwalità tal-ħajja tat-tfal fil-komunità: il-Parteċipazzjoni tat-Tfal; is-Sigurtà; l-Inklużjoni; L-Adegwatezza għall-età u għall-ħtiġijiet tal-iżvilupp; il-Promozzjoni tas-Saħħa; id-Disponibbiltà u l-Flessibbiltà tal-Użu; u l-Immaniġġjar u l-Manutenzjoni.
Hemm tlett safef ta’ rikonoxximent: Bronż, Fidda u Deheb u kull rikonoxximent jibqa’ validu għal tlett snin. Se jkunu ppreżentati wkoll għadd ta’ rikonoxximenti speċjali. Il-Kunsilli Lokali huma mħeġġa jikkuntattjaw l-Uffiċċju fuq 21485180 jew permezz tal-indirizz elettroniku cfc@gov.mt għal aktar tagħrif.