Jum Dinji għall-Prevenzjoni u l-Fejqan mill-Isfruttament, l-Abbuż u l-Vjolenza Sesswali fuq it-Tfal
18 ta’ Novembru 2025
Fit-18 ta’ Novembru jitfakkar il-jum iddedikat għall-protezzjoni tat-tfal mill-forom kollha ta’ sfruttament u abbuż sesswali. It-tfal kollha għandhom id-dritt li jgħixu ħielsa minn dan l-abbuż, li jista’ jkollu effetti qerrieda u dejjiema.
Fl-2015, il-Kunsill tal-Ewropa ddikkjara dan il-jum bħala l-Jum Ewropew għall-Protezzjoni tat-Tfal kontra l-Isfruttament Sesswali u l-Abbuż Sesswali. L-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda rrikonoxxiet it-18 ta’ Novembru bħala l- Jum Dinji għall-Prevenzjoni u l-Fejqan mill-Isfruttament, l-Abbuż u l-Vjolenza Sesswali fuq it-Tfal.
Dan il-jum iservi sabiex ifakkar lill-gvernijiet, istituzzjonijiet, u s-soċjetà ċivili biex iġeddu l-impenn tagħhom biex jipprevjenu u jeliminaw l-isfruttament u l-abbuż sesswali tat-tfal, sew dak onlajn kif ukoll dak offlajn. Il-prevenzjoni tibda bl-edukazzjoni u l-għarfien: it-tfal għandhom jiġu mgħallma minn età bikrija dwar imġibiet li jistgħu jwasslu għall-abbuż u kif ifittxu l-għajnuna.
Din is-sena, il-Kunsill tal-Ewropa qed jiffoka fuq li “Insaħħu l-protezzjoni tat-tfal kontra l-isfruttament sesswali u l-abbuż sesswali permezz ta’ tfassil ta’ politika bbażata fuq l-evidenza.” Ġbir affidabbli u komprensiv ta’ dati, għandu rwol kruċjali fit-tiswir ta’ politiki u prattiċi effettivi. Taħt il-Konvenzjoni ta’ Lanzarote, l-Istati Partijiet huma meħtieġa jistabilixxu mekkaniżmi u jaħtru punti fokali għall-ġbir u l-analiżi ta’ dati biex jimmonitorjaw u jindirizzaw l-isfruttament u l-abbuż sesswali tat-tfal.
Id-dati huma għodda qawwija biex jitnebbħu miżuri preventivi u risponsivi li tabilħaqq jipproteġu t-tfal. Il-ġbir u l-analiżi ta’ dati jippermettu lill-istakeholders biex: Jiddentifikaw fatturi u andamenti ta’ riskju; Jallokaw riżorsi b’ mod effiċjenti; Jimmonitorjaw il-progress u Jimplimentaw miżuri mnebbħa li jissalvagwardjaw it-tfal.
L-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal jisħaq fuq l-importanza li nisimgħu l-vittmi u s-superstiti biex titnebbaħ bidla fil-politika. Il-maġġoranza tal-każijiet ta’ abbuż sesswali fuq it-tfal iseħħu fi ħdan iċ-ċirku ta’ fiduċja tat-tfal, li tagħmilha iktar diffiċli għat-tfal li jiftħu qalbhom. Huwa vitali li nżommu dawk li jwettqu l-abbuż, responsabbli u li nagħtu l-protezzjoni u s-sapport biex nipprevjenu l-istigmatizzazzjoni, nippromowvu l-fejqan, u naffermaw id-dinjità u d-drittijiet tat-tfal.
L-adulti għandhom rwol kruċjali fis-sapport tat-tfal biex jirrapportaw l-abbuż. Kull min jaf dwar xi abbuż għandu jagħmel rapport billi jċempel s-supportline 179. Għall-abbuż sesswali onlajn, ir-rapport għandu jsir fuq childwebalert.gov.mt.