Jum Dinji tat-Tfal 2022

20 ta’ Novembru 2022

L-20 ta’ Novembru huwa l-Jum Dinji tat-Tfal, jum iddedikat lit-tfal kollha. F’dan il-jum, niċċelebraw il-bosta kisbiet li saru biex jiġi żgurat li t-tfal ikollhom aċċess għad-drittijiet tagħhom kif ukoll biex inkomplu naqbżu għal dawk it-tfal li d-drittijiet tagħhom m’humiex qed ikunu ggarantiti.

It-tema għaċ-ċelebrazzjonijiet ta’ din is-sena hija li niżguraw ugwaljanza u inklużjoni għal kull tifel u tifla. Hija r-responsabbiltà tal-Gvern, l-Għaqdiet Non-Governattivi, għaqdiet oħra u dawk kollha li jaħdmu ma’ u għat-tfal, inklużi ġenituri/carer, edukaturi u dawk kollha li għandhom impatt fuq ħajjetit-tfal, li jiżguraw li t-tfal ikollhom aċċess għad-drittijiet tagħhom.

 

Sabiex jitfakkar dan il-jum, is-Sa Antoinette Vassallo, Kummissarju għat-Ttfal, u l-On. Dtt Michael Falzon, Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiett tat-Tfal, nedew sett ta’ riżorsi xierqa skond l-età dwar id-drittijiet tat-tfal fl-Iskola Primarja tal-Għargħur Maria Regina. Il-Kummissarju flimikien mal-On. Ministru, qassmet ir-riżorsi lill-istudenti fil-klassijiet tal-Kinder 2, tat-tielet sena u tal-ħames sena. Huma saħqu fuq l-importanza li t-tfal ikollhom għarfien tad-drittijiet tagħhom u li jfittxu l-għajnuna jekk jiġu bżonnha.

 

Dawn ir-riżorsi, li ġew żviluppati mill-UNICEF, saru bil-Malti mill-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal u qed jitqassmu lit-tfal kollha f’età tal-iskola obbligatorja f’Malta u Għawdex. Ir-riżorsi jinkludu vidjow animat għat-tfal tal-kindergarten; ktieb t’ attivitajiet għat-tfal fl-ewwel, it-tieni u t-tielet sena; u poster għat-tfal bejn l-etajiet ta’ disa’ u ħmistax-il sena.

 

Bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet, l-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal għal darb’oħra ħeġġeġ u sostna l-Iskejjel u għaqdiet oħra biex jiċċelebraw il-Jum Dinji tat-Tfal. Madwar 50 skola f’ Malta u Għawdex se jkunu qed itellgħu diversi attivitajiet li jippromwovu d-drittijiet tat-tfal.