Dwarna

Ix-Xogħol Tagħna

L-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal ġie mwaqqaf skont it-termini hekk kif imniżżla fl-Att Dwar il-Kummissarju għat-Tfal tal-2003, sabiex jippromwovi il-benesseri tat-tfal u li jkun hemm konformità mal-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda Dwar id-Drittijiet tat-Tfal, hekk kif ratifikata minn Malta fis-26 ta’ Jannar tal-1990. Dan jgħodd ukoll għal kwalunkwe tip ta’ trattati internazzjonali, konvenzjonijiet u arranġamenti li għandhom x’jaqsmu mat-tfal, hekk kif inhuma jew kif jiġu ratifikati jew aċċettati minn Malta.
 
Ix-xogħol tal-Uffiċċju jiffoka fuq: il-protezzjoni tat-tfal, il-promozzjoni tad-drittijiet tat-tfal, li jassikura lit-tfal ikollhom dawk is-servizzi neċessarji għalihom, kif ukoll il-parteċipazzjoni tagħhom speċjalment f’temi li jolqtuhom direttament. L-Uffiċċju jaħdem billi jkun punt ta’ referenza li jsegwi b’reqqa is-sitwazzjoni soċjali u kulturali fejn jidħlu t-tfal, sabiex jgħin b’mod sostanzjali fil-ko-ordinazzjoni ta’ ħidma li hija neċessarja f’oqsma differenti sabiex din tkun iffukata primarjament fuq il-ħtigijiet tat-tfal.
 

Il-Kummissarju

Il-Kummissarju għat-Tfal, is-Sinjura Antoinette Vassallo, ġiet appuntata nhar l-1 ta’ Frar 2022 għal perjodu ta’ tlett snin. Il-Kummissarju għat-Tfal tisħaq li tipproteġi l-aħjar interessi tat-tfal kollha li jgħixu ġewwa Malta u Għawdex.

Antoinette Vassallo twieldet ir-Rabat, f’Marzu tal-1957, attendiet il-Primarja u s-Sekondarja tal-Gvern. Fl-1975, daħlet tistudja ġewwa l-iskola tal-Infermiera fi G’Mangia u ggradwat bħala State Registered Nurse (S.R.N.) fl-1978. Ħadmet bħala infermiera gewwa t-tejatru tal-operazzjonijiet fl-Isptarijiet ta’ San Luqa u Karen Grech sakemm iżżewget fl-1985 u marret toqgħod Ta’ Xbiex.

Miżżewġa lil Adrian Vassallo u għandha ħamest itfal;

Maximilian (twieled f’Diċembru 1985), Christian Jude (Diċembru 1986 – 1988), Christian Joseph (Marzu 1989), Julian (Marzu 1991) u Adriyana (Lulju 1993).

F’Marzu  tal-1999, ikkuntestat l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali. Giet eletta sindku ta’ Ta’ Xbiex u serviet f’din il-kariga ghal 14-il sena sa l-2013.

Lista ta’ ħatriet:

  • Direttriċi, Awtorita’ Maltija tal-Komunikazzjoni (April 2008 – Frar 2013)
  • Chairperson, Awtorita’ tad-Djar (April 2013 – Settembru 2017)
  • Direttriċi, Malta Industrial Parks (MIP) (Ottubru 2017 – Ottubru 2019)
  • Viċi Chairperson taċ-Children and Young Persons Advisory Board (Ġunju 2018 Diċembru 2018) u aktar tard inħatret bħala Chairperson tal-Bord sa Ġunju tal-2020.
  • Viċi Chairperson fil-Home Help Board (Marzu 2020 – preżent)
  • Membru fil-Kumitat tat-Tisħiħ tal-Familja (April 2020 – preżent)
  • Membru tal-Kumitat tal-Faċilita’ San Vinċenz de Paule (April 2020 – preżent)

Fil-ħin liberu, tieħu gost taqra, issajjar u tgħum.

Kunsill tat-Tfal

Artiklu 12 tal-Att tal-Kummissarju għat-Tfal jitkellem dwar it-twaqqif ta’ Kunsill tat-Tfal li l-għan tiegħu hu li jassisti u jagħti parir lill-Kummissarju fix-xogħol imwettaq mill-Uffiċċju. Il-Kunsill tat-Tfal hu mmexxi mill-Kummissarju huwa ffurmat minn dawn il-membri:

  • Rappreżentant maħtur mill-Ministru responsabbli mill-Familja u Politika Soċjali
  • Rappreżentant maħtur mill-Ministru responsabbli mis-Saħħa
  • Rappreżentant maħtur mill-Ministru responsabbli mill-Edukazzjoni
  • Rappreżentant maħtur mill-Ministru responsabbli għall-Affarijiet Interni
  • Rappreżentant maħtur mill-Ministru responsabbli mill-Ġustizzja
    Iċ-Ċerperson tal-Kumitat għall-Affarijiet Soċjali
  • Massimu ta’ sebat itfal magħżula biex ikunu parti mill-Kunsill.

Il-Kunsill tat-Tfal hu mitlub mil-liġi li jiltaqa’ minimu ta darba kull tliet xhur.