Ċentri Urbani u Rħula Maħsubin għat-Tfal

1 ta’ Diċembru 2021

Illum, il-Kummissarju għat-Tfal, is-Sa Pauline Miceli, nediet l-Studju ta’ Riċerka dwar Ċentri Urbani u Rħula Maħsubin biex jitgawdew mit-Tfal ukoll. Din l-inizjattiva hija kollaborazzjoni konġunta bejn iċ-Ċentru għar-Reżiljenza u s-Saħħa Soċjo-Emozzjonali fi ħdan l-Università ta’ Malta, l-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal u l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA).

L-istudju ta’ riċerka pprova jesplora l-fehmiet tat-tfal, ġenituri/persuni li jieħdu ħsieb it-tfal u stakeholders komunitarji fuq kif l-ibliet u l-irħula Maltin jistgħu joffru spazzji li huma maħsubin iktar għat-tfal u l-komunità kollha. Dan l-istudju għandu l-għan li jixpruna l-istakeholders prinċipali li joħoloqu dan it-tip ta’ spazju b’ kollaborazzjoni mat-tfal u żgħażagħ infushom.

Sar servej fost it-tfal, ġenituri u stakeholders oħrajn li ffoka fuq oqsma bħas-sigurtà; ir-rikreazzjoni u l-logħob; spazji soċjali għat-tfal u ż-żgħażagħ; in-natura; l-indafa; u spazji inklussivi. 

Waqt it-tnedija, il-Kummissarju għat-Tfal saħqet fuq l-importanza li niżguraw li d-drittijiet tat-tfal jitqiegħdu fuq quddiem tal-ippjanar urban u li t-tfal infushom ikunu involuti fil-proċess mill-bidu sal-aħħar.

Il-Perit Michelle Piccinino, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, saħqet fuq l-importanza ta’ din ir-riċerka billi tallinja ruħha mal-Istrateġija Nazzjonali għall-Ambjent (NSE) li għaliha l-Viżjoni Benesseri l-Ewwel għall-Ambjent f’ Malta 2050 ġiet ippublikata f Novembru li għadda. L-istudju ta’ riċerka għandu l-għan li jifhem il-bżonnijiet tat-tfal fit-tul għall-ambjent tagħhom; li jippromwovi ċentri fl-ibliet bi trakkiku moderat li jikkontribwixxi għall-kwalità tal-arja aħjar; kif ukoll biex jippromwovi edukazzjoni dwar l-ambjent li jagħti s-setgħa lit-tfal biex ikabbru l-għerf tagħhom sabiex ikunu jisgħtu jilqħu l-aspirazzjonijiet tagħhom għall-ambjent tagħna. 

It-tim ta’ riċerka ppreżenta l-ewwel riżultati tas-servej li sar fost 1060 tifel u tifal u żgħażugħ. Se jitressqu numru ta’ rakkomandazzjonijiet dwar kif iċ-ċentri urbani u l-irħula Maltin jistgħu jilqgħu aħjar lit-tfal u ż-żgħażagħ.

Se jitwettaq proġett pilota b’ kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali tal-Ħamrun fejn it-tfal se jkunu qed imexxu l-parteċipanti biex iġibu bidla pożittiva f’ din l-lokalità permezz tal-ko-kreazzjoni ta’ spazji rikreattivi ħodor. Tim mill-Fakulta tal-Bini fl-Urban  ta’ l-Universita ta’ Malta kien involut mill-bidu nett biex jiġu identifikati u ddisinjati postijiet fil-lokalita biex fihom isir il-proġett.

L-On. Ministru għall-Ġustizzja Soċjali u s-Solidarjetà, l-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal, Dr Michael Falzon, għalaq l-avveniment. Il-Ministru laqa’ b’sodisfazzjon dan l-istudju li huwa eżempju mill-aqwa ta’ kollaborazzjoni bejn entitajiet differenti u li jagħti aktar dawl fuq l-importanza t’ambjent nadif u spazji miftuħa. “Irridu nisimgħu u nintroduċu iktar ‘policy actions’, li warajhom hemm il-ħsibijiet u l-bżonnijiet tat-tfal li jirrifletu l-futur tagħhom’’, stqarr il-Ministru Michael Falzon.