Jum Ewropew dwar il-Protezzjoni tat-Tfal minn Sfruttament u Abbuż Sesswali

18 ta’ Novembru 2021

Mill-2015, il-Kunsill tal-Ewropa ddikkjarat it-18 ta’ Novembru bħala l-Jum Ewropew dwar il-Protezzjoni tat-Tfal minn Sfruttament u Abbuż Sesswali. It-tfal kollha għandhom id-dritt li jgħixu ħajja ħielsa minn dan l-abbuż, li jista’ jkollu effetti dejjiema fuqhom.

 

Din is-sena, il-Jum Ewropew qed jiffoka fuq “Nagħmlu ċ-ċirku ta’ fiduċja sigur għat-tfal”. Il-biċċa l-kbira  tal-abbuż sesswali fuq it-tfal iseħħ fiċ-ċirku ta’ fiduċja tat-tfal. Meta l-abbuż jitwettaq minn persuna li t-tfal jafuha, jafdawha u saħansitra jħobbuha, huwa diffiċli ħafna għat-tfal li jiftħu qalbhom dwar dan l-abbuż.

Sabiex jitfakkar dan il-jum, il-Kummissarju għat-Tfal, is-Sa Paulina Miceli, l-On. Ministru għal-Ġustizzja Soċjali u s-Solidarjetà, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal, Dott. Michael Falzon, nedew il-verżjoni bil-Malti tal-pubblikazzjoni tal-Kunisll tal-Ewropa, KIKO u l-Ħafnajien. Din il-pubblikazzjoni, li ġiet maqluba għall-Malti mill-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal, hija ktieb ta’ ġrajja għal tfal bejn l-etajiet ta’ 4 u 7 snin dwar l-użu ħażin ta’ ritratti f’ ambjent onlajn. Hemm ukoll gwida għall-ġenituri u nies oħra li jieħdu ħsieb it-tfal dwar kif wieħed jista’ jipprevjeni l-abbuż sesswali fuq it-tfal. Kiko u l-Ħafnajien ġie stampat bis-sostenn ta’ BeSmartOnline! u se jitqassam lit-tfal.

It-tfal għandhom, minn età żgħira, jiġu mgħallma dwar x’ tip ta’ mġiba tista’ twassal għal abbuż. Fil-jiem li ġejjin l-Uffiċċju se jkun qed iqassam kopja ta’ Kiku u l-Id, liema ktejjeb ukoll huwa pubblikazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa, lit-tfal kollha fit-tieni sena tal-Kindergarten tal-iskejjel tal-Gvern, dawk tal-Knisja u dawk Indipendenti. Dan il-ktieb ta’ ġrajja jimmira li jgħin il-ġenituri jkollhom diskussjoni mat-tfal tagħhom dwar liema mġiba hija aċċettabbli u inaċċettabbli.

L-Uffiċċju jisħaq fuq l-importanza li l-adulti jissapportjaw it-tfal sabiex jirrapportaw l-abbuż. Kull min jaf b’ xi abbuż li qed isir fuq it-tfal għandu jirrapporta. Dan jista’ jagħmlu billi jċempel in-numru 179.