Il-Jum Dinji għas-Saħħa Mentali 2023

6 ta’ Ottubru 2023

‘L-imħuħ tagħna, Id-Drittijiet tagħna’ hija t-tema tal-Jum Dinji għas-Saħħa Mentali ta’ din is-sena. Is-saħħa mentali huwa dritt universali tal-bniedem u anke tat-tfal.  Kulħadd għandu dritt għall-ogħla livell possibili tas-saħħa mentali. Dan jinkludi li tkun protett minn riskji lejn is-saħħa mentali, id-dritt li tingħata kura ta’ kwalita’ li tkun aċċessibli u aċċettabli u dritt għall-liberta’, indipendenza u inklużżjoni fil-kommunita’.

 

Sabiex tiġi mfakkra din il-ġurnata importanti, li tiġi kkomemorata fl-10 ta’ Ottubru madwar id-dinja kollha, il-Kummissarju għat-Tfal, is-Sinjura Antoinette Vassallo u l-Onorevoli Ministru għall-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal, it-Tabib Michael Falzon niedew tlett vidjows li jippromwovu saħħa mentali tajba.  Tnejn minn dawn il-vidjows għandhom il-għan li jqajjmu għarfien mat-tfal tal-iskola, wieħed għall-Primarja u wieħed għall-iskola Medja/Sekondarja.  Il-vidjows se jkunu jifformaw parti minn għodda għall-edukaturi flimkien ma pjan ta’ lezzjonijiet u attivitajiet fil-klassi. Din l-għodda se tkun imqassma fl-iskejjel tal-iStat, Knisja u Indipendenti u se jkun inkoraġġut li tintuża waqt lezzjoni sabiex jitqajjem għarfien fuq kif tinżamm saħħa mentali tajba.

It-tielet vidjow għandu l-għan li jqajjem kuxjenza mal-ġenituri u dawk li jaħdmu mat-tfal, sabiex jindunaw b’xi sinjali ta’ diffikulta’ fit-tfal. Dan il-vidjow se jifforma parti min kampanja fuq il-midja soċjali bil-għan li tintlaħaq firxa wiesgħa tal-pubbliku.

Il-Jum Dinji tas-Saħħa Mentali hija opportunita’ sabiex inkabbru l-konoxxenza tagħna, inqajjmu għarfien u ninkoraggixxu azzjoni sabiex nippromwovu u nipproteġu s-saħħa mentali ta’ kulħadd. Irridu ninkoraggixxu u nissapportjaw lil kull min jesperjenza diffikultaijiet sabiex ifittex l-għajnuna.

Jekk qed tesperjenza xi tip ta’ diffikulta’ u għandek bżonn parir/għajnuna, ċempel is-support line 179 fejn joffru għajnuna 24/7. Ma hemm xejn ħażin li titlob l-għajnuna meta jkollok bżonn.