Numru ta’ tfal tal-primarja għadhom imċaħħda mill-edukazzjoni

29 ta’ Ottubru 2021

L-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal jixtieq jesprimi d-diżappunt tiegħu li fit-tilwima industrjali li għada għaddejja bejn il-Ministeru tal-Edukazzjoni u l-unjins tal-għalliema dwar in-nuqqas ta’ għalliema li nħoloq kaġun tal-miżuri ta’ ħarsien tas-saħħa pubblika mill-Covid-19 fl-iskejjel. Il-priċipju ta’ l-aqwa interessi tat-tfal twarrab fil-ġenb f’din it-tilwima. Dan imur kompletament kontra l-Artiklu 3 tal-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drittijiet tat-Tfal.

In-nuqqas ta’ għarfien tal-aqwa interessi tat-tfal joħroġ ċar mill-mod kif numru ta’ klassijiet tal-primarja spiċċaw bla għalliema.  Quddiem sitwazzjoni ta’ emerġenza, wieħed kien jistenna li l-partijiet kollha jinsew il-politki u t-tattiċi ta’ konfrontazzjoni u li jikkollaboraw flimkien sabiex jintlaħaq ftehim dwar miżuri temporanji li jippermettu s-sistema tal-edukazzjoni tilqa’ l-isfidi tal-Covid-19 għall-ġid tat-tfal kollha. B’ xorti ħazina il-pandemija jidher li ħarrxet il-konfrontazzjoni, kif muri riċentement mir-reġistrazzjoni ta’ tilwima industrjali mill-unjins tal-għalliema li wasslet għal l-applikazzjoni fil-qrati mill-Ministeru tal-Edukazzjoni ta’ mandat ta’ inibizzjoni kontra l-miżuri ordnati mill-unjins.

L-Uffiċċju huwa ddiżappuntat u ddispjaċut dwar id-deċiżjoni riċenti tal-qrati li tat preċedenza lid-dritt tal-unjins tal-għalliema li jipprotestaw kontra deċiżjoni tal-Ministeru tal-Edukazzjoni fuq id-dritt tat-tfal għall-edukazzjoni. Ma jitwemminx li l-imħallef li ppresedja fuq il-każ kien ikkwotat li qal li “m’hemmx drittijiet xi tħares għall-qorti”, meta d-dritt tat-tfal għall-edukazzjoni huwa garantit mill-Artiklu 3 tal-Att tal-Edukazzjoni, 2019, li għadu kif daħal fis-seħħ.

Dan juri biċ-ċar li l-qafas legali tad-drittijiet tat-tfal jeħtieġ li jissaħħaħ sabiex kulħadd ikun marbut li jirrispetta d-drittijiet fundamentali tat-tfal. 

Fil-waqt li għaddej dan kollu, għad hemm tfal fl-iskejjel primarji li ilhom mingħajr għalliema sa mill-bidu ta’ din is-sena skolastika, id-dritt tagħhom għall-edukazzjoni mkasbar minn adulti li qablu li jitkellmu biss wara taqbida legali li għamlet ħsara lil dawk it-tfal li huma suppost qegħdin jaqdu l-aħjar interessi tagħhom. L-Uffiċċju jappella lill-istakeholders kollha sabiex tabilħaqq jaġixxu bil-fatti u mhux biss bil-kliem favur id-drittijiet tat-tfal, u jaslu għal ftehim li jħares dawn id-drittijiet.