ENYA 2023

6 ta’ Lulju 2023

L-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal ospita l-forum tan-Netwerk Ewropew ta’ Konsulenti Żgħażagħ (ENYA). ENYA għandha l-għan li tiżgura parteċipazzjoni effettiva u ta’ valur fi ħdan in-Netwerk Ewropew tal-Ombudspersons għat-Tfal (ENOC). L-Uffiċċju huwa l-Ko-ordinatur Ġenerali tal-ENYA għas-sena 2023 u ilu jsostni Istituzzjonijiet għad-Drittijiet tat-Tfal oħra minn pajjiżi jew reġjuni Ewropej differenti fit-twettiq ta’ din l-inizjattiva.

Dan il-forum, li seħħ bejn l-4 u l-5 ta’ Lulju, laqqa’ 36 żgħażagħ bejn l-etajiet ta’ 12 u 17-il sena minn 18-il pajjiż/reġjun Ewropew differenti. Matul il-Forum, il-parteċipanti ħadu sehem f’diversi attivitajiet u diskussjonijiet interattivi dwar ir-Rwol tal-Istituzzjonijiet għad-Drittijiet tat-Tfal fil-Promozzjoni u l-Protezzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal.

Il-Forum, li hu parzjalment iffinanzjat mill-Unjoni Ewropeja, ġie miftuħ uffiċjalment mis-Sa Antoinette Vassallo, Kummissarju għat-Tfal u mis-Sa Salvör Nordal, iċ-Chairperson tal-ENOC kif ukoll l-Ombudsperson għat-Tfal tal-Iżlanda. It-tnejn li huma esprimew il-ħerqa tagħhom li jisimgħu r-rakkomandazzjoni li l-parteċipanti ressqu.

l-On. Ministru għall-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal. Dr Michael Falzon indirizza lill-parteċipanti. Fid-diskors tal-ftuħ tiegħu, l-On. Ministru tkellem dwar l-impenn tal-Gvern Malti għal iżjed parteċipazzjoni tat-tfal. Dr Falzon qal li ‘t-tfal huma l-ġejjieni tas-soċjetà u għaldaqstant jeħtieġ li jkunu preżenti bil-vuċi tagħhom fil-proċessi ta’ teħid tad-deċiżjonijiet’. Il-Ministru Falzon faħħar ix-xogħol imwettaq mill-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal u wiegħed is-sostenn kontinwu tiegħu għall-iniżjattivi tagħhom.

Permezz ta’ din l-inizjattiva, tfal u żgħażagħ, li għandhom id-drittijiet jistgħu jipparteċipaw f’attivitajiet tal-ENOC sabiex jaqsmu l-esperjenza tagħhom u jagħtu lill-Ombudspersons għat-Tfal ideja ċara dwar liema affarijiet huma mportanti għalihom u kif jiżguraw b’mod konkret il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tagħhom hekk kif dawn huma ggarantiti mill-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drittijiet tat-Tfal.