Nisimgħu lit-Tfal u l-Familji tagħhom

21 ta’ Lulju 2023

Il-Ġimgħa li għaddiet il-Kumitat dwar it-Trobbija Posittiva u t-Tisħiħ tal-Familja organizzat attività b’kollaborazzjoni mal-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal bil-għan li tismà lit-tfal u l-familji.

Din l-attività ikkrejat pjattaforma għat-tfal u l-familji sabiex ikunu jistgħu jaqsmu esperjenzi u idejat dwar it-trobbija tat-tfal u sabiex jiġu identifikati l-bżonnijiet u l-isfidi li jiġu ffaċċjati.  Id-diskussjonijiet iffukaw fuq kif it-tfal għandhom jaffrontaw bl-aħjar mod il-peer pressure.

 Din l-attività, li ħa ssir ġewwa l-Esplora, iċ-Ċentru tax-Xjenza Interattiva, laqqa flimkien tfal bejn l-etajiet ta’ 10 u 13-Il sena kif ukoll il-ġenituri tagħhom/min jieħu ħsiebhom. Ġew imħejjija attivitajiet ta’ team building kemm għat-tfal u l-adulti sabiex jaħdmu flimkien, kif ukoll saru diskussjonijiet fejn l-istess tfal u adulti kellhom iċ-ċans li jesprimu ruħhom b’mod separat. Id-diskussjonjiet tmexxew mill-Prof. Angela Abela u mis-Sinj. Suzanne Garcia Imbernon mill-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal.

L-idejat u l-esperjenzi tal-parteċipanti se jiġu ppreżentati lill-Kummissarju għat-Tfal u lill-membri tal- Kumitat dwar it-Trobbija Posittiva u t-Tisħiħ tal-Familja. Din l-informazzjoni ser tintuża sabiex tiffaċilita x-xogħol tagħhom u b’hekk jinħolqu mezzi sabiex it-tfal u l-familji jkun jistgħu jiġu mgħejuna aħjar.