Jum Dinji tat-Tfal 2023

20 ta’ Novembru 2023

Fl-20 ta’ Novembru jiġi mfakkar il-Jum Dinji tat-Tfal, ġurnata ddedikata lit-tfal kollha. F’dan il-jum, niċċelebraw il-kisbiet li saru sabiex jiġi assikurat lit-tfal kollha jkollhom aċċess għad-drittijiet tagħhom kif ukoll sabiex tibqa ssir pressjoni favur dawk it-tfal lid-drittijiet tagħhom għadhom mhumiex garantiti.


Din is-sena hija sena partikolarment speċjali minħabba l-fatt li l-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal qiegħed jiċċelebra l-20 Anniversarju mit-twaqqif tiegħu. Sabiex tiġi kkomemorata din l-okkażjoni, il-Kummissarju qiegħdha tniedi Kompetizzjoni Kreattiva.
Din il-kompetizzjoni għandha l-għan li tinkoraggixxi t-tfal ta bejn il-5 u is-16-il sena sabiex iwasslu l-vuċi tagħhom permezz tal-opinjonijiet tagħhom u anke dak li jinkwetahom dwar id-drittijiet tagħhom. Dan jistgħu jagħmluh f’forma ta’ tpinġija, storja qasira jew poeżija.


Il-Kummissarju tixtieq tifhem x’inhu dak li jagħmel lit-tfal kuntenti u kif l-adulti jistgħu jagħmlu l-ħajja tat-tfal aħjar. It-tfal huma mitluba li jibgħatu l-krejazzjonijiet tagħhom dwar dawn it-temi: id-Dritt tat-Tfal li jkollhom min jieħu ħsiebhom, id-Dritt tat-Tfal li ma ssirilhomx ħsara, id-Dritt tat-Tfal li jilgħabu u d-Dritt tat-Tfal li jinstemgħu.


Il-Kummissarju ħa tagħti premju lill-aħjar tlett krejazzjonijiet min kull kategorija. Għal aktar informazzjoni fir-rigward ta’ din il-kompetizzjoni, idħlu fuq www.tfal.org.mt. Tistgħu wkoll tikkuntatjaw l-Uffiċċju fuq 21 485 180.
Fl-okkazzjoni tal-Jum Dinji tat-Tfal, l-Uffiċċju qiegħed jistieden u jinkoraġġixxi lill-iskejjel sabiex jorganizzaw attivitajiet fl-iskola stess. Il fuq minn 50 skola sejrin jipparteċipaw. L-Uffiċċju ser iqassam diversi pubblikazzjonijiet lit-tfal kollha ta’ Kinder 2, l-1 Sena u r-4 Sena. Dawn il-pubblikazzjonijiet għandhom l-għan li jqajmu għarfien dwar id-drittijiet tat-tfal.


Biex tiġi mfakkra din il-ġurnata, ġie prodott ukoll vidjow flimkien ma’ grupp ta’ żgħażagħ, li wkoll ħa jiġi mqassam fl-iskejjel kollha u rreklamat fuq il-midja soċjali.