Rights 4U 2023

29 ta’ Awwissu 2023

L-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal għal darboħra organizza il-live-in annwali bl-isem ta’ Rights 4U, wara waqfien ta’ tlett snin minħabba l-COVID-19. Dan il-live-in ġie organizzat bħala parti mill-Inizjattiva ta’ BeSmartOnline!* bil-għan li titqajjem kuxjenza dwar id-Drittijiet tat-Tfal fil-qasam tal-ambjent diġitali.

Dan il-live-in, sar fuq medda ta’ tlett ijiem ġewwa Dar Manresa, Għawdex, u li għalih attendew 51 żgħażugħ u żgħażugħa li l-etajiet tagħhom ivarjaw bejn 13 u 15-il sena u li ġew min skejjel tal-iStat, Knisja u Indipendenti minn madwar Malta u Għawdex.

Il-program interattiv indirizza temi diversi bħal ma huma il-privatezza onlajn, is-cyberbullying, diskors li jxerred il-mibgħeda u li jiġi kkrejat bilanċ bejn id-dinja onlajn u dik offlajn. Ingħatat wkoll l-opportunita’ lill-parteċipanti li jieħdu sehem f’diskussjonijiet dwar id-dirttijiet tagħhom u dwar l-isfidi li jiltaqgħu magħhom.

Matul dawn it-tlett ijiem, il-parteċipanti żviluppaw il-ħiliet kritiċi tagħhom kif ukoll bnew rabtiet soċjali bbażati fuq rispett reċiproku.

Is-Sinjura Antoinette Vassallo, Kummissarju għat-Tfal, laqgħet lill-parteċipanti u nkoraġġithom sabiex igawdu din l-attivita’ u sabiex jaqsmu l-ħsibijiet u l-esperjenzi tagħhom.  Il-Kummissarju, li kienet preżenti matul l-attivita’ kollha, infurmat lill-parteċipanti, li flimkien mal-membri tal-istaff, l-Uffiċċju se jkun qiegħed jisma u jixtarr dawn il-ħsibijiet u l-ilmenti kollha.

 

_ _ _ _ _ _ _ _ _ _ _ _ _ _ _ _ _ _ _ _ _ _ _ _ _ _ _ _ _ _ _ _ _ _  _ _ _ _ _ _ _ _ _ _ _ _ _

*L-inizjattiva BeSmartOnline! tigbor flimkien il-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, l-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal, il-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol u l-Korp tal-Pulizija. Din l-inizjattiva ilha għaddejja sa min l-2010 u hija kofinanzjata mill-Kummissjoni Ewropeja. Għal aktar informazzjoni dwar l-użu sigur tal-internet tistgħu ċċemplu supportline 179 jew iżżuru www.besmartonline.org.mt